X’inhi l-kwistjoni?
Il-ħaddiema huma esposti għal sustanzi perikolużi f’ħafna postijiet tax-xogħol Ewropej. Espożizzjonijiet bħal dawn huma aktar komuni minn dak li ħafna nies jaħsbu u, fil-fatt, jistgħu jseħħu fi kważi l-postijiet tax-xogħol kollha. Dan jippreżenta tħassib kbir dwar is-saħħa u s-sigurtà.
Sustanza perikoluża hi kull solidu, likwidu jew gass li għandu l-potenzjal li jikkawża ħsara lis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. L-espożizzjoni tista’ seħħ permezz tal-inalazzjoni, tal-penetrazzjoni tal-ġilda jew tal-inġestjoni.
L-espożizzjonijiet għal sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol huma marbuta ma’ problemi ta’ saħħa akuti u fit-tul, inkluż:
- mard respiratorju (eż. ażma, rinite, asbestożi u silikożi)
- dannu għall-organi interni, inkluż il-moħħ u s-sistema nervuża
- irritazzjoni u mard tal-ġilda
- kanċer okkupazzjonali (eż. lewkimja, kanċer tal-pulmun, mesoteljoma u kanċer tal-kavità nażali).
Barra minn hekk, il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi tista’ tpoġġi lill-ħaddiema f’riskju ta’ ħruq, ta’ splużjoni, ta’ avvelenament akut u ta’ soffokazzjoni.
It-tieni Stħarriġ Ewropew ta’ Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER-2) tal-EU-OSHA juri li s-sustanzi perikolużi huma l-iktar prevalenti f’ċerti setturi bħal pereżempju fl-agrikoltura, fil-manifattura u fil-kostruzzjoni.
Madankollu, il-ħaddiema fis-setturi kollha huma potenzjalment f’riskju ta’ espożizzjoni għal sustanzi perikolużi. Fil-fatt, b’mod globali, 38% tal-intrapriżi Ewropej jirrappurtaw sustanzi potenzjalment perikolużi jew sustanzi bijoloġiċi fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. Għalhekk, hu vitali li r-riskji jiġu identifikati u mmaniġġjati.