2018-19: Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi


Is-Summit dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa

L-avveniment ġab flimkien esperti u persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet ewlenin Ewropej biex jiddiskutu r-riżultati tal-kampanja fuq perjodu ta’ sentejn, jikkondividu l-għarfien u jesploraw strateġiji futuri għal prevenzjoni effettiva, u ġestjoni sostenibbli ta’ sustanzi perikolużi fuq il-postijiet tax-xogħol.

Workshops paralleli ħarsu lejn attivitajiet ta’ prevenzjoni rigward karċinoġeni fuq ix-xogħol, prattiki tajbin fis-settur tas-servizzi u sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi fil-proċessi ta’ produzzjoni. Iddiskutew ukoll il-miżuri l-aktar effettivi tal-OSH fir-rigward tal-iżviluppi futuri tal-użu tas-sustanzi kimiċi.

Avveniment speċjali tas-Summit kien iċ-ċerimonja tal-Premjijiet għal Prattika Tajba dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa, li kien ċelebrazzjoni ta’ għaxar organizzazzjonijiet li ngħataw il-premju u li kienu mfaħħra minn ġurija internazzjonali indipendenti talli ħadu approċċ proattiv u parteċipattiv fil-ġestjoni tas-sustanzi perikolużi. 

Fl-aħħar nett, l-Aġenzija ppreżentat il-Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa 2020-22 li jmiss, li se tibda f’Ottubru 2020 li l-għan tagħha hu s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li jiġu evitati r-riskji ta’ disturbi muskoloskeletali relatati max-xogħol (MSDs).

Is-sommarju tal-konferenza, ir-reġistrazzjonijiet tas-sessjonijiet, il-preżentazzjonijiet u r-ritratti kollha issa jinsabu disponibbli.