Min għandu jkun involut?
Huwa essenzjali li kulħadd jaħdem flimkien biex jevita l-MSDs fuq il-post tax-xogħol. Il-kollaborazzjoni bejn dawk li jħaddmu, il-maniġers u l-ħaddiema toħloq fehim komuni tal-kwistjoni u twassal għal titjib dejjiemi.
Dawk li jħaddmu għandhom responsabbiltà legali biex jiżguraw li r-riskji fuq il-post tax-xogħol jiġu evalwati u kkontrollati kif suppost, u għandhom jirrikonoxxu l-ħtieġa li jaqdu rwol ta' tmexxija fir-rigward ta' approċċ ta’ prevenzjoni biex jiġu indirizzati l-MSDs. L-evalwazzjoni tar-riskju u prevenzjoni effettivi jeħtieġu li dawk li jħaddmu jżommu lilhom infushom u lill-ħaddiema tagħhom infurmati u mħarrġa sew.
Għalhekk huwa importanti li l-ħaddiema jiġu mħeġġa jitkellmu b’mod miftuħ u kmieni kemm jista’ jkun dwar l-MSDs. Jekk il-ħaddiema jħossuhom komdi jiddiskutu s-saħħa fiżika tagħhom, għandhom aktar probabbiltà li jieħdu ħsieb tagħhom infushom u jfittxu appoġġ u kura bikrija.
L-għan ta' din il-kampanja mhuwiex biss is-sensibilizzazzjoni dwar MSDs relatati max-xogħol u l-impatt negattiv tagħhom fuq l-individwi, in-negozji u s-soċjetà, iżda anke li tippromwovi l-ħidma flimkien biex jiġi żgurat li jittieħdu miżuri preventivi u effettivi biex jiġu ġestiti l-MSDs.