X’inhi l-kwistjoni?
Sal-2030, ħaddiema ta' bejn 55-64 huma mistennija li jagħmlu 30 % jew aktar tal-forza tax-xogħol f'ħafna mill-pajjiżi tal-Ewropa. L-età tal-irtirar qed tiżdied f'ħafna Stati Membri u ħafna ħaddiema għandhom iċ-ċans li jkollhom ħajja professjonali itwal. Għalhekk għandhom isiru sforzi biex jiżguraw kundizzjonijiet sikuri u li jġibu 'l quddiem is-saħħa matul il-ħajja professjonali.
L-istrateġija Ewropa 2020 tidentifika l-bidla demografika bħala waħda mill-akbar sfidi li għandha quddiemha l-Ewropa. Sabiex tindirizza dan, Qafas Strateġiku Ewropew dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 tal-Unjoni Ewropea (UE), jindirizza miżuri biex jippromwovu prattika tajba u jtejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) għall-ħaddiema kollha.
Il-forza tax-xogħol li qed tixjieħ tirrappreżenta sfidi varji għal dawk kollha involuti fl-immaniġġjar tal-OSH:
- Ħajja ta’ xogħol itwal tista’ twassal għal espożizzjoni itwal għar-riskji.
- Se jkun hemm aktar ħaddiema bi problemi ta' mard kroniku u bi bżonnijiet speċifiċi.
- Ħaddiema ikbar fl-età jistgħu jkunu aktar vulnerabbli għal ċerti perikli tas-saħħa u s-sigurtà.
- Ir-rata għolja ta' problemi tas-saħħa relatati max-xogħol f'ċertu setturi u xogħlijiet li jinvolvu tagħbijiet tqal fiżiċi u/jew mentali, xogħol manwali jew ħinijiet tax-xogħol atipiċi għandhom jiġu kkunsidrati.
- Il-prevenzjoni tad-diżabbiltà, ir-riabilitazzjoni u r-ritorn lejn ix-xogħol qegħdin isiru dejjem aktar importanti.
- Fil-livell tas-soċjetà, jeħtieġ li d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età tiġi indirizzata.