Il-Ġimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol


X’inhi?

Issir kull sena f'Ottubru (ġimgħa 43 tal-kalendarju), il-Ġimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol hija l-qofol ta’ kull Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa. B’mijiet ta’ avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni li qed isiru madwar l-UE u lil hinn — u impetu addizzjonali mogħti lill-kopertura tal-media — hija opportunità ideali biex tinvolvi lilek innifsek fil-kampanja.

Wiri ta' films speċjali, avvenimenti tal-midja soċjali, konferenzi, wirjiet, kompetizzjonijiet u sessjonijiet ta' taħriġ huma wħud mill-attivitajiet organizzati biex niċċelebraw il-Ġimgħa Ewropea. Jekk għandek idea għall-attività ta' sensibilizzazzjoni, jew tixtieq tniedi proġett tas-saħħa u sigurtà fit-tul biex torbtu mal-Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa f'kull Età, allura l-Ġimgħa Ewropea tista' tkun l-aħjar żmien għalik biex tiżgura li l-avveniment tiegħek ikollu l-attenzjoni li jixraqlu.

Organizzati mill-EU-OSHA u s-sħab tagħha, kull Ġimgħa Ewropea għandha t-tema tal-kampanja fil-qalba tagħhom, u timmira li żżid l-għarfien dwar l-importanza ta’ mmaniġġjar attiv u parteċipattiv tas-saħħa u s-sgurtà fuq il-post tax-xogħol.

Tista' ssir taf aktar dwar x'qed jiġri madwarek waqt il-Ġimgħa Ewropea mill-punt fokali nazzjonali tiegħek - u l-punt fokali tiegħek jista' jgħinek torganizza l-avveniment tiegħek.