Sett ta’ għodod tal-kampanja

Avvenimenti ta’ viżibbiltà

Adattat għal:

It-tipi kollha ta’ organizzazzjonijiet.

X’inhu?

Dan huwa tipikament it-tip ta’ avveniment li trid tagħmel jew fi tmiem il-kampanja tiegħek jew li jista’ jintuża bħala s-sinsla tal-kampanja ta’ komunikazzjoni tiegħek. L-ambitu ta’ dawn l-avvenimenti b’viżibbiltà għolja huwa kbir u jista’ jinkludi:

  • Premjijiet
  • Festivals
  • Wirjiet
  • Kompetizzjonijiet
  • Tours promozzjonali, eċċ.

Il-fokus ta’ dawn l-avvenimenti huwa li joħolqu divertiment u jiġġeneraw kopertura tal-media. Ma jiffukawx fuq il-kontenut. Dawn għandhom ikunu kreattivi.

Benefiċċji

  • Tista’ tiġġenera kopertura mill-aqwa tal-midja u tfakkarhom dwar l-aktar messaġġi importanti tal-kampanja tiegħek.
  • Jekk organizzat tajjeb, l-avveniment ikun memorabbli għall-udjenza tiegħek.

Limitazzjonijiet

  • Dawn l-avvenimenti normalment jiswew ħafna flus u jinvolvu ħin u enerġija.

Kif tiffinanzja l-avveniment

  • Baġit, baġit, baġit:
    • Ikkalkula kemm se jiswik dan l-avveniment u kemm huwa fattibbli.
    • Kun żgur li tagħmel baġit għall-azzjonijiet kollha tiegħek u tkun tlabt kwotazzjonijiet eżatti mill-fornituri.
    • Żomm mill-inqas 10-15 % tal-baġit tiegħek għal spejjeż mhux prevedibbli.

Kif tippjana l-avveniment

  • L-ewwel aħseb f’kunċett. Iddeċiedi dwar il-format tal-avveniment u l-objettivi tiegħek.
  • L-objettiv huwa li tiġġenera l-attenzjoni tal-midja. Aħseb sew dwar jekk l-avveniment huwiex se jinteressa lill-midja. Wieġeb dawn il-mistoqsijiet:
    • L-avveniment jinvolvi lil xi ħadd famuż?
    • Huwa xi ħaġa li ħadd qatt ma għamel qabel?
    • Jinkludi element interattivi?
    • Għandu xi premju marbut miegħu u kien hemm ħafna nies li pparteċipaw fl-avveniment? Se jsir f’xi post partikolari u uniku?
  • Jekk se tistieden lill-midja, ħu dak li tista’ minnu. Ippjana l-parteċipazzjoni tagħhom:
    • Tista’ tagħmel xi intervisti?
    • Għandek xi kamra fejn jistgħu jagħmlu intervisti?
    • Għandek dossiers għall-istampa u xi informazzjoni oħra rilevanti għall-midja?
  • Żviluppa aġenda u lista ta’ parteċipanti u kelliema
  • Ippjana sew minn qabel. Dawn l-avvenimenti se jieħdu x-xhur biex jiġu ppreparati. L-aħjar li tħalli tal-inqas bejn sitt u tmien xhur bħala żmien ta’ preparazzjoni.

Kunsiderazzjonijiet prattiċi

  • Se jkollok bżonn tibbukkja xi affarijiet kmieni ħafna, bħal:
    • Il-post
    • Biljetti tal-ivvjaġġar għall-parteċipanti u l-kelliema
    • Akkomodazzjoni, eċċ.
  • Tissottovalutax il-livell ta’ dettall u ppjanar li jeħtieġu l-arranġamenti loġistiċi kollha. Dettall prattiku li jmur ħażin - bħal li ma jkollokx mikrofoni - jistaʼ jirrovina avveniment kbir.
  • Kun żgur li tkun ippjanajt għat-tfassil, il-produzzjoni u t-twassil tal-materjal ta’ informazzjoni:
    • Kollox għandu jasal mill-inqas ġurnata qabel l-avveniment. Idealment mill-inqas jumejn/tlitt ijiem qabel u dejjem għandu jkollok pjan ta’ riżerva.
    • Kun żgur li b’mod fattibbli tkun tista’ tistampa kopji ta’ kwalità baxxa tal-materjali ewlenin ta’ informazzjoni fl-aħħar minuta.
  • Iċċekkja ċ-ċentru tan-negozju tal-post fejn qiegħed, jekk hemm wieħed.
  • Dejjem ġorr miegħek stikka tal-USB bil-preżentazzjonijiet kollha u verżjonijiet PDF/verżjonijiet stampati tad-dokumenti u l-materjal kollu li għandek bżonn fil-konferenza.
  • Agħmel prova l-lejl ta’ qabel:
    • Ittestja t-tagħmir kollu.
    • Iċċekkja l-post.
    • Żomm miegħek id-dettalji ta’ kuntatt tal-fornituri kollha. Fil-ġurnata żomm lista bin-numri ta’ kuntatt (preferibbilment numri tal-mowbajl) tal-kollegi kollha li jeħtieġ li jgħinuk, lis-sħab tiegħek, lill-fornituri tiegħek, lill-midja mistiedna, eċċ.