Dwar is-Sett ta’ Għodod
X’inhu s-sett ta’ għodod għall-kampanja u għaliex huwa utli?
Ftit hemm dubju li l-kampanji ta’ reklamar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-kampanji ta’ relazzjonijiet pubbliċi jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti kif in-nies jaħsbu u jaġixxu. Iżda l-istess “prinċipji promozzjonali” jistgħu japplikaw għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH)?
It-tweġiba hija “iva!”
Għalkemm m’għandekx aċċess għall-istess riżorsi finanzjarji ta’ kumpanija multinazzjonali ta’ prodotti tal-konsumatur, xorta tista’ timmotiva n-nies biex jaħsbu u jaġixxu b’mod differenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol permezz ta’ kampanja ppjanata sewwa u mmirata li tippromwovi l-prattika tajba fil-qasam tal-OSH.
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol ħolqot dan is-sit web biex tipprovdi gwida pass pass dwar kif tippjana u tmexxi kampanji promozzjonali effettivi, irrispettivament mid-daqs tal-organizzazzjoni tiegħek.
Kuntrarju għall-opinjoni popolari, din mhijiex ikkumplikata. Kulma trid tagħmel huwa li ssib it-“taħlita” t-tajba, inklużi l-messaġġi t-tajba, l-udjenzi fil-mira u fatturi oħra. Din mhijiex sett ta’ regoli fissi; hija biss ġabra ta’ rakkomandazzjonijiet. Agħżel dak li tixtieq u adattah għaċ-ċirkostanzi individwali tiegħek.
Nittamaw li ssib dan is-sett ta’ għodod utli!
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol
Żur l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol