Sett ta’ għodod tal-kampanja

Kummerċjalizzazzjoni mobbli

Adattat għal:

Organizzazzjonijiet akbar b’riżorsi finanzjarji akbar.

X’inhi?

Il-kummerċjalizzazzjoni mobbli hija wieħed mill-oqsma l-aktar ġodda fil-kummerċjalizzazzjoni interattiva. Tinkludi teknoloġiji bħal SMS, MMS, l-internet mobbli, applikazzjonijiet, servizzi ta’ lokalizzazzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ prossimità bil-Bluetooth. Dawn il-kampanji huma offruti kemm esklussivament fuq il-mowbajl kif ukoll flimkien ma’ mezzi oħra, inklużi, email, reklamar dirett bil-posta u x-xandir ta’ stazzjonijiet online.

Benefiċċji

  • Huwa mod rapidu u dejjem aktar popolari biex tilħaq udjenza wiesgħa.
  • Din il-fergħa ta’ kummerċjalizzazzjoni qed tevolvi kontinwament u toffri possibbiltajiet ġodda.

Limitazzjonijiet

  • Biex tmexxi kampanja mobbli probabbilment se jkollok bżonn parir espert u dan jista’ jinvolvi ħafna flus.

Kif tfassal il-messaġġ tiegħek

  • Messaġġ qasir, sempliċi mibgħut direttament lill-mobile tar-riċevitur jista’ jkun effettiv ħafna.
  • Żomm f’moħħok l-udjenza tiegħek u kemm huwa probabbli li l-membri tagħha jwieġbu messaġġ testwali.
  • Għandek in-numri tal-mobile tagħhom, jew se jkollok tħallas biex tikseb lista?
  • Se jkollok bżonn iżżomm il-messaġġ tiegħek ċar u konċiż.

Teknoloġiji relatati

L-ismartphones il-ġodda ta’ spiss ikollhom disponibbli teknoloġija li kapaċi tiskennja kodiċijiet QR, li jieħdu lill-utent direttament fis-sit web tal-kampanja tiegħek.

Kif tipproduċi l-kampanja

X’aktarx li se jkollok bżonn tuża s-servizzi ta’ espert tal-kummerċjalizzazzjoni mobbli li se jkollu t-teknoloġija u s-software meħtieġa biex iwassal din il-kampanja b’mod effettiv.