Reklami televiżivi
Adattat għal:
Organizzazzjonijiet akbar b’riżorsi finanzjarji akbar.
X’inhi?
Reklam fuq it-televiżjoni huwa bħal reklam li tara fuq it-televiżjoni għal servizzi jew prodotti. Għandu storja, atturi u messaġġ u għandu l-għan li jikkonvinċi lit-telespettatur dwar il-benefiċċji tal-prodott jew is-servizz li qed jippromwovi min jirreklama. Meta, kif inhu l-każ fil-biċċa l-kbira tal-kampanji ta’ Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, ir-reklam fuq it-televiżjoni mhuwiex kummerċjali, dan jissejjaħ “PSA”, jew Avviż tas-Servizz Pubbliku.
Benefiċċji
- Il-ħolqien ta’ reklam memorabbli jista’ jkollu impatt kbir fuq is-suċċess tal-kampanja tiegħek.
- Jekk tipproduċi reklam mingħajr skop ta’ profitt, tista’ titlob lill-istazzjonijiet tat-TV biex juruh b’xejn.
- Meta tinvolvi ċelebrità, ikollok “wiċċ” għall-kampanja.
Limitazzjonijiet
- Il-produzzjoni ta’ reklami għat-televiżjoni tista’ tiswa ħafna flus, peress li probabbilment se jkollok tfittex għajnuna professjonali, minbarra l-ispejjeż tar-reklamar għax-xandir tiegħu.
- Il-ħin tax-xandir jiswa ħafna flus u għalhekk ir-reklami fuq it-televiżjoni għandhom it-tendenza li jkunu qosra. Il-formati l-aktar popolari huma ta’ 30, 60 u 90 sekonda. Rari jdumu iżjed minn 90 sekonda.
Kif tuża ton xieraq
- Ir-reklam irid ikun inċiżiv u emozzjonali.
- Kun żgur li t-ton li tuża jaqbel mal-kampanja tiegħek iżda żomm f’moħħok li għandek bżonn xi ħaġa konvinċenti biex tiġbed l-attenzjoni tan-nies.
- Tibżax tkun onest dwar is-serjetà tal-kwistjoni li qed tiġi indirizzata.
Kif toħloq skript
- Fir-reklam tiegħek tista’ tuża l-istorja personali ta’ xi ħadd li qed iħabbat wiċċu mal-istess kwistjoni bħall-udjenza maħsuba.
- Pereżempju: Din hija Susan (qed tara lil Susan tisgħol u ma tiflaħx). Hija ssofri minn xxx, marda kkawżata minn esponiment fit-tul għal sustanzi tossiċi. L-istorja tagħha...
- Il-PSA spiss jispiċċa bi slide b’mistoqsija li għandha l-għan li tinvolvi lill-udjenza.
- Pereżempju: (Fil-każ ta’ Susan). “Taħseb li huwa aċċettabbli li wieħed ikollu jaħdem f’dawn il-kundizzjonijiet? Għinna nagħmlu xi ħaġa dwarha. Żur www.xxx.”
L-inklużjoni ta’ ċelebritajiet
- Tattika użata ta’ spiss minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ hija li jinkludu ċelebrità fir-reklami tagħhom.
- Kun af li xi wħud se jkunu jridu jitħallsu ta’ dan sakemm ma jiħdux il-kwistjoni tiegħek b’interess kbir.
- Kun żgur li tiċċekkja l-“immaġni u l-kredibbiltà” taċ-ċelebrità li għażilt qabel ma tinkludih jew tinkludiha. Trid tkun ċert li ma ssib xejn f’ħajjet iċ-ċelebrità li tmur kontra l-valuri tal-organizzazzjoni tiegħek u l-messaġġ tal-kampanja.
L-allinjament tal-kontenut mal-immaġni tal-organizzazzjoni tiegħek
- Aħseb sew dwar l-immaġni li tixtieq twassal lin-nies. Kun ċert li l-immaġni li qed twassal b’dan ir-reklam fuq it-televiżjoni hija tabilħaqq konformi mal-immaġni tal-organizzazzjoni tiegħek. Inkella tista’ tagħmel iżjed ħsara milli ġid.
- Dejjem inkludi s-sit web u l-logo tal-organizzazzjoni tiegħek.
Għajnuna professjonali
Jaf ikun aħjar tfittex l-għajnuna ta’ professjonist li jkun jista’ jagħtik parir dwar il-PSA tiegħek.